Ġurija tal-Premju LUX

Il-ġurija tal-Premju LUX tinkludi produtturi, distributuri, operaturi taċ-ċinema, diretturi artistiċi u programmaturi ta’ festivals ċinematografiċi, kif ukoll rappreżentanti ta’ 27 Times Cinema.

Rappreżentant minn kull wieħed mis-sħab ewlenin, jiġifieri l-European Film Academy, il-Kummissjoni Ewropea/il-programm Ewropa Kreattiva, u Europa Cinemas iollu post fil-ġurija bħala osservatur.

Il-President Onorarju li jippresiedi l-ġurija tal-Premju LUX 2025 huwa s-Sur Michael Downey OBE, President tal-European Film Academy.

Kull sena, il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni tal-Parlament Ewropew japprova l-membri tal-ġurija.

Ikklikkja biex tiskopri aktar dwar il-proċess tal-għażla.

 

Ġurija tal-Premju LUX 2025

people

Michael DOWNEY OBE

President Onorarju tal-Premju LUX – il-Premju Ċinematografiku Ewropew tal-Udjenza, President tal-European Film Academy
President tal-Ġurija tal-Premju LUX mill-2021 sal-2025

Mike Downey huwa produttur u attivist ċinematografiku Irlandiż li waqqaf kumpanija ta’ produzzjoni indipendenti bbażata f’Dublin u f’Londra, Film and Music Entertainment (F&ME) fis-sena 2000. Sal-lum għandu krediti f’aktar minn 100 film.

Matul il-karriera relattivament qasira tiegħu bħala produttur ċinematografiku, huwa ħadem ma’ persunaġġi bħal Peter Greenaway, Agnieszka Holland, Julien Temple, Pawel Pawlikowski, Calin Peter Netzer, Andrzej Jakimowski, Juraj Jakubisko, Friðrik Þór Friðriksson, Michel Franco u Stephen Daldry, kif ukoll ma’ għadd kbir ta’ diretturi oħra minn madwar l-Ewropa, l-Amerika t’Isfel, l-Afrika u l-Indja.

Ix-xogħol reċenti tiegħu bħala produttur ċinematografiku inkluda proġetti ma’ kittieba ta’ rumanzi leġġendarji bħall-kbir James Ellroy, il-mibki Günter Grass, u Thomas Keneally (Schindler’s List). Huwa ħadem ukoll ma’ Colm Tóibín, mal-awtriċi ta’ Ida Rebecca Lenckiewicz, mal-fundatur u l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv ta’ VICE Group, Shane Smith, u ma’ diversi diretturi, bħal Volker Schlöndorff, Mohsen Makhmalbaf u Oliver Hirschbiegel.

Minbarra l-ħafna suċċessi li kellu fil-box office, il-produzzjonijiet ta’ Mike rċevew aktar minn 250 premju, inkluż mill-biċċa l-kbira tal-festivals ċinematografiċi ewlenin bħal Cannes, Berlin, Toronto, Sundance, San Sebastian, Tokyo u ħafna oħrajn.

Downey ilu kważi 20 sena membru tal-bord tal-European Film Academy u, wara sitt snin bħala Viċi President, ġie elett President fl-2020, u wettaq dmirijietu flimkien mal-ex Presidenti Wim Wenders u Agnieszka Holland u mal-President attwali Juliette Binoche.” . Fl-2006, ġie elett fil-Kunsill tal-British Academy of Film and Television Arts (BAFTA), u fl-2008 ġie elett fil-Kumitat tal-Films tal-BAFTA. Fl-2020 reġa’ ngħaqad mal-Kunsill tal-BAFTA. Downey huwa wkoll trustee tal-White Ribbon Alliance, organizzazzjoni globali ewlenija li għandha l-għan li tnaqqas il-livelli ta’ mortalità fit-twelid fid-dinja li qed tiżviluppa, kif ukoll il-kofundatur u membru tal-bord tal-International Coalition for Film Makers at Risk (ICFR), fondazzjoni tal-karità li tippromwovi u taġixxi b’solidarjetà mal-produtturi ċinematografiċi f’riskju madwar id-dinja kollha.

Ħa sehem f’aktar minn 20 ġurija internazzjonali f’festivals ċinematografiċi madwar id-dinja, fosthom il-Festival Ċinematografiku ta’ Sarajevo, il-Festival Ċinematografiku Internazzjonali ta’ Rio de Janeiro, il-Festival Ċinematografiku Internazzjonali ta’ Cottbus, il-Festival Ċinematografiku Internazzjonali ta’ Varsavja, il-Festival Ċinematografiku ta’ Istanbul, il-Festival Ċinematografiku Internazzjonali ta’ Montreal, il-Festival Ċinematografiku ta’ Motovun, il-Festival Ċinematografiku Internazzjonali ta’ Sofija, il-Festival Ċinematografiku Internazzjonali tat-Transilvanja, il-Festival Ċinematografiku Internazzjonali ta’ Krakovja u l-Festival Ċinematografiku Internazzjonali ta’ Zagreb, fejn ġiet ippreżentata retrospettiva ta’ xogħlu fil-F&ME fl-2009.

Fl-2014, ġie nnominat bħala Produttur tad-Deċennju fil-Festival Ċinematografiku Internazzjonali ta’ Fort Lauderdale, u ngħaqad maż-żewġ rebbieħa preċedenti Ed Pressman u Robert Evans. Xogħlu bħala produttur ġie mfaħħar ukoll fil-Festival Ċinematografiku ta’ Praga tal-2015.  Barra minn hekk, irċieva l-Kristian Lifetime Achievement Award minn Praga fl-2021. Fl-2023 f’Reykjavik irċieva l-premju inawgurali għall-karriera mill-industrija tal-films Iżlandiża għall-kontribuzzjonijiet tiegħu liċ-ċinema internazzjonali.

Fl-2020 l-alma mater tiegħu, l-Università ta’ Warwick, onoratu b’dottorat D.Litt. honoris causa, għax-xogħol tiegħu u għall-kontribut tiegħu għat-teatru u ċ-ċinema Ewropej. Fir-rwol tiegħu fil-European Film Academy, hu u l-bord qed jappoġġjaw l-istabbiliment ta’ organizzazzjoni edukattiva, Filmclub, li għandha l-għan li twassal ċinema ta’ kwalità fl-iskejjel madwar l-Ewropa.
Fil-bidu tal-2022, Mike ġie mistieden biex ikun Fellow tar-Royal Society of Arts, kif ukoll biex jiddaħħal formalment fil-US Academy of Motion Picture Arts and Sciences (AMPAS). Fl-2017, ingħaqad mal-Asia Pacific Screen Academy wara li rebaħ il-Premju tagħhom għad-Diversità Kulturali taħt il-patroċinju tal-UNESCO, għall-film Georgjan Dede.

L-aktar produzzjonijiet reċenti tiegħu jinkludu l-film tal-ftuħ tas-sezzjoni Un Certain Regard tal-Festival Ċinematografiku Internazzjonali ta’ Cannes, il-film Iżlandiż ta’ Runar Runarsson, When the Light Breaks.  Il-film Albaniż The Rise and Fall of Comrade Zylo, li huwa l-koawtur tiegħu, kien il-film tal-ftuħ tal-Festival Ċinematografiku ta’ Tallinn u The Green Border ta’ Agnieszka Holland rebaħ diversi premjijiet f’Venezja fosthom l-iSpecial Jury Lion.  Bħalissa qed jiġbed ukoll il-film bijografiku ta’ Holland dwar Kafka, Franz, li qed joqrob lejn tmiemu. L-aħħar xeni tiegħu qegħdin jinġibdu fi Praga u f’Berlin. Films oħrajn li ħadem fuqhom u li bħalissa deħlin fil-fażi tad-distribuzzjoni jinkludu La Suprema (il-Kolombja), Familiar ta’ Calin Peter Netzer (ir-Rumanija), Hotel Pula (il-Kroazja), Hidden People (is-Slovenja), The Song of the Goats (il-Polonja) u I am Somebody (in-Netherlands). Films li bħalissa jinsabu fil-fażi attiva tal-produzzjoni huma It All Ends Here ta’ Rajko Grlić (il-Kroazja), LO-FI (it-Turkija), Gorki Resort (il-Polonja), The Sun, The Moon, and the Eleven Stars (it-Turkija) kif ukoll Lady D (l-Albanija) li huwa wkoll il-koawtur tiegħu. Bħalissa qed jikteb If I Were a Boy, ibbażat fuq ir-rumanz ta’ Haki Stermilli, f’kollaborazzjoni mad-direttur Fatmir Koci, kif ukoll ir-rumanz l-aktar reċenti tiegħu Istria Black li se jiġi ppubblikat fir-Renju Unit u fl-Irlanda f’Ottubru.

Il-produzzjoni tiegħu ta’ Real ta’ Oleg Sentsov se titlesta fis-sajf tal-2024 u l-film se jintwera f’wieħed mill-aqwa festivals internazzjonali. Bl-istess mod, il-film il-ġdid “O” ta’ Runar Runarsson, fejn Mike għandu rwol fil-produzzjoni eżekuttiva, se jintwera wkoll f’wieħed minn dawn il-festivals.  Bħalissa qed jaħdem mal-artist Albert Oehlen u mad-direttur nominat għall-Oscar, Oliver Hirschbiegel, fuq segwitu għall-film preċedenti tagħhom bit-tema tal-arti The Painter, bl-isem ta’ GEEL (Isfar). Bħalissa, Looping ta’ Antonio Nuic qed jinġibed f’Zagreb u fil-fażi ta’ qabel il-produzzjoni hemm dokumentarju dwar l-iskola tal-ballet tal-komunità Projecto Vidançar fil-favela Complexo Alemao ta’ Rio de Janeiro. Qed isiru l-preparamenti biex fl-2025 jinġibed il-film International Women’s Day ta’ Srdjan Dragojevic.

L-ewwel rumanz ta’ Mike, Istria Gold, ġie ppubblikat fir-Renju Unit u fl-Irlanda s-sena li għaddiet minn Mpress Media/Calm Productions. Il-ktieb irċieva tifħir kbir mill-kritiċi meta ġie ppubblikat fil-Bulgarija f’Ottubru li għadda, u wara fl-Indja f’Marzu. F’Settembru, se jiġi ppubblikat fil-Kroazja b’aktar edizzjonijiet li għandhom jiġu ppubblikati fil-Maċedonja, l-Ukrajna, is-Serbja, ir-Repubblika Ċeka u t-Turkija aktar tard matul is-sena. Istria Black, it-tieni ktieb mis-sensiela, li huwa t-tieni parti tat-trilogu Three Colours Istria, se jiġi ppubblikat f’Diċembru u wara se tiġi ppubblikata l-parti finali, Istria Blue. Is-sena li għaddiet kien il-Kittieb Residenti għax-xahar ta’ Ġunju 2023 fil-Fondazzjoni u ċ-Ċentru Bergman ta’ Ingmar Bergman fid-dar preċedenti tiegħu f’Fårö, il-gżira tal-Baħar Baltiku fil-Grigal ta’ Gotland. Din is-sena se jkun residenti fil-programm Lotus imtella’ minn Artist Residency Thailand, f’Chiang Mai.

Huwa jaqsam il-ħin tiegħu bejn Istria, Dublin u kull fejn ikun qed jiġbed l-aħħar film tiegħu.

Mur lura għall-ħarsa ġenerali lejn il-membri tal-ġurija

people

Margherita Chiti

Distributriċi ma’ Teodora, Produttriċi ma’ Palomar, Membru tal-European Film Academy
Membru tal-Ġurija tal-Premju LUX fl-2024 u l-2025

Produttriċi ma’ Palomar u Membru tal-European Film Academy, Margherita Chiti ilha taħdem fid-distribuzzjoni għal aktar minn 20 sena, ma’ Mikado Film bħala Maniġer tal-Akkwisti, ma’ Sacher Distribuzione ta’ Nanni Moretti bħala Kap tad-Distribuzzjoni u ma’ Teodora Film bħala Maniġer Ġenerali u Kap tal-Akkwisti u l-Bejgħ.

Fl-istess ħin, ħadmet bħala Assistenta tal-Produzzjoni għall-kumpaniji tal-produzzjoni ta’ Luigi Musini u Roberto Cicutto On My Own u Cinemaundici u għat-Tim tal-Produzzjoni Lokali ta’ Warner Bros.

Hija ngħaqdet ma’ Palomar bħala Kap tal-Produzzjonijiet u l-Affarijiet Internazzjonali – Ċinema u TV fl-2021.

Ilha taħdem bħala esperta għall-Aġenzija tal-UE Ewropa Kreattiva fil-produzzjoni, id-distribuzzjoni u l-aċċess għall-iskemi ta’ finanzjament għas-swieq għal aktar minn 10 snin. F’April 2018, flimkien ma’ oħrajn, waqqfet Women in Film, TV & Media Italia u hija l-Viċi President u membru tal-bord.

Mur lura għall-ħarsa ġenerali lejn il-membri tal-ġurija

people

José Luis CIENFUEGOS

Direttur u programmatur tal-festivals
Membru tal-Ġurija tal-Premju LUX tal-Udjenza fl-2025

José Luis Cienfuegos huwa d-direttur ta’ Seminci, il-Festival Ċinematografiku Internazzjonali ta’ Valladolid fi Spanja, wieħed mill-eqdem festivals ċinematografiċi fid-dinja, li jiffoka fuq iċ-ċinema “auteur”. Qabel Seminci, kien id-direttur tal-Festival Ċinematografiku Ewropew ta’ Sevilja (2012 - 2023) u tal-Festival Ċinematografiku ta’ Gijón (1995 - 2011). Mill-2021 sal-2023 kien membru tal-European Film Academy u membru tal-kumitat ta’ esperti tal-films prinċipali ta’ din l-akkademja. Huwa serva wkoll fil-kumitat tal-ġurija tal-Premju Ċinematografiku LUX bejn l-2011 u l-2019. Membru tal-Akkademja tal-Films Spanjola u tal-Akkademja Rjali tal-Belle Arti ta’ San Fernando. Mill-2013 sal-2017 kien membru tal-ġurija għall-Premju tal-Prinċep tal-Asturji għall-Arti organizzat mill-Fondazzjoni Prinċep tal-Asturji u kien ukoll membru tal-ġurija f’diversi festivals bħal Rotterdam, Karlovy Vary, San Sebastián, BAFICI, Santiago de Chile, Documenta Madrid u Las Palmas, fost l-oħrajn. 

Bħalissa qed jaħdem ukoll bħala lettur f’diversi universitajiet u skejjel ċinematografiċi u bħala konsulent għal diversi istituzzjonijiet kulturali, kif ukoll qed jorganizza wirjiet u kunċerti u huwa l-awtur ta’ diversi artikli relatati maċ-ċinema.

Mur lura għall-ħarsa ġenerali lejn il-membri tal-ġurija

people

Marta Fernandes

Esebitriċi ta’ Cinema Ideal u Distributriċi ma’ Midas Filmes
Membru tal-Ġurija tal-Premju LUX fl-2023, l-2024, u l-2025

Kap tad-distribuzzjoni u tal-Akkwisti ta’ Midas Filmes sa minn Awwissu 2008, Marta hija wkoll membru tat-tim tal-programmazzjoni u hija responsabbli mill-istampa u l-media soċjali ta’ Cinema Ideal, iċ-ċinema Midas II Cinemas li ġie rinnovat u miftuħ mill-ġdid fl-2014.

Ilha taħdem fid-distribuzzjoni tal-films għal aktar minn 20 sena. L-ewwel ħadmet ma’ Atalanta/Medeia Filmes, fejn kienet responsabbli għall-istrateġiji ta’ komunikazzjoni u kummerċjalizzazzjoni għall-ħruġ fis-swali ta’ aktar minn 200 film, u kienet responsabbli wkoll għall-programmazzjoni ta’ diversi programmi, dibattiti u festivals organizzati minn Medeia Filmes Cinemas, kif ukoll fil-Festival Ċinematografiku IndieLisboa, fejn kienet il-Produttur Eżekuttiv. Qabel ma daħlet fin-negozju ċinematografiku, hija ħadmet bħala ġurnalista u kienet membru tat-tim ta’ riċerka tal-osservatorju tal-komunikazzjoni Obercom, fejn kienet l-awtriċi u l-koawtriċi ta’ diversi rapporti Ewropej. Hija għandha lawrja fl-Istudji tal-Media mill-Universidade Nova de Lisboa u Lawrja ta’ Masters fiċ-Ċinema. L-istudji postgradwatorji tagħha kienu fil-ġestjoni kulturali u fid-diskorsi u l-kulturi emerġenti – mill-kritiċi sal-arti.

Mur lura għall-ħarsa ġenerali lejn il-membri tal-ġurija

people

Priscilla Gessati

Direttriċi tal-programmazzjoni ta’ Cinéma L’Entrepôt
Membru tal-Ġurija tal-Premju LUX fl-2023, l-2024, u l-2025

Wara li studjat ir-Russu fl-INALCO u kisbet lawrja ta’ Masters fil-politika tal-kultura fl-Istitut tal-Istudji Ewropej f’Paris 8, Priscilla Gessati kienet inkarigata mill-istudji u r-reviżjoni tan-network tal-programm Ewropew Europa Cinemas qabel ma wettqet ħidma għaċ-ċentru taċ-ċinema muniċipali Forum des Images f’Pariġi. Hija ħadmet ukoll fuq il-programmazzjoni ta’ Ciné Lumière għall-Istitut Franċiż fir-Renju Unit u fuq il-produzzjoni tal-ħames festival tas-serje Totally Serialized TV. Impenjata bis-sħiħ fil-programmazzjoni u d-difiża taċ-ċinema arthouse u d-diversità, hija kkoordinat l-attivitajiet ta’ distribuzzjoni u pubblikazzjoni ma’ Potemkine Films qabel ma ħadet f’idejha l-ġestjoni ta’ Le Balzac, teatru ċinematografiku storiku li jinsab fix-Champs Élyseés. Flimkien ma’ Joël Chapron hija kienet il-koawtriċi ta’ Principles and Mechanisms of Financing French Cinema (Il-Prinċipji u l-Mekkaniżmi ta’ Finanzjament taċ-Ċinema Franċiż) u Regulation and Practices of Cinematographic Exploitation (Ir-Regolamentazzjoni u l-Prattiki tal-Isfruttament Ċinematografiku), inizjalment maħsuba għas-suq Russu. Dan l-aħħar bdiet taħdem f’kariga ġdida f’l’Entrepôt (Pariġi), spazju atipiku li jinkludi ċinema kif ukoll post fejn jittellgħu avvenimenti mużikali, gallerija tal-arti, ristorant u bar.

Mur lura għall-ħarsa ġenerali lejn il-membri tal-ġurija

people

Eamon Hughes

Rappreżentant ta’ 27 Times Cinema
Membru tal-Ġurija tal-Premju LUX fl-2025

Fl-2020, Eamon Hughes iggradwa mill-Iskola Nazzjonali tal-Films fl-Irlanda, u l-film li ħadem fuqu għall-proġett finali tiegħu ġie nnominat għall-Premjijiet BAFTA għall-Istudenti. Ftit wara dan, fl-2021 Eamon beda jaħdem bħala l-Maniġer tal-Produzzjoni ta’ Samson Films – kumpanija tal-produzzjoni tal-films ibbażata f’Dublin, l-Irlanda. Fost il-films reċenti tiegħu nsibu My Sailor, My Love, li ntwera għall-ewwel darba fil-Festival Ċinematografiku Internazzjonali ta’ Toronto fl-2022, The Ghost of Richard Harris, li ntwera għall-ewwel darba fil-Biennale ta’ Venezja fl-2022, u Baltimore, li ntwera għall-ewwel darba f’Telluride fl-2023 u fil-Festival Ċinematografiku ta’ Londra. Bħalissa Eamon qed jaħdem fuq il-clapperboard ta’ dawk il-films li jinsabu fil-fażi tal-produzzjoni filwaqt li qed imexxi wkoll għadd ta’ proġetti tiegħu stess fil-kumpanija.

Fl-2023, Eamon intgħażel bħala l-Ambaxxatur Irlandiż għall-proġett 27 Times Cinema u ilu minn dak iż-żmien jieħu sehem attiv fil-promozzjoni tal-Premju LUX tal-Udjenza.

Mur lura għall-ħarsa ġenerali lejn il-membri tal-ġurija

people

Denis Ivanov

Membru tal-bord tal-European Film Academy, kofundatur tal-Festival Ċinematografiku Internazzjonali ta’ Odesa, Children Kinofest, u Kyiv Critics Week, Kap tal-kumpanija tal-films ARTHOUSE TRAFFIC, distributur u produttur
Membru tal-Ġurija tal-Premju LUX fl-2024 u l-2025

Denis Ivanov huwa membru tal-bord tal-European Film Academy, kofundatur tal-Festival Ċinematografiku Internazzjonali ta’ Odesa, Children Kinofest, u Kyiv Critics Week; kap tal-kumpanija tal-films ARTHOUSE TRAFFIC; distributur u produttur.
Bħala produttur, huwa għamel 8 films u aktar minn 40 film qasir. Il-film tiegħu THE TRIBE ta’ Myroslav Slaboshpitsiy rebaħ il-Critics Week tal-Grand Prix ta’ Cannes fl-2014 u ħareġ f’aktar minn 40 pajjiż. DONBAS ta’ Sergei Loznitsa għandu l-premju tal-Aqwa Direttur ta’ Un Certain Regard f’Cannes 2018. Ix-xogħlijiet reċenti tiegħu RHINO ta’ Oleh Sentsov (2021) u 107 MOTHERS ta’ Peter Kerekes ġew varati fl-għażla uffiċjali tal-Festival Ċinematografiku Internazzjonali ta’ Venezja.

Mur lura għall-ħarsa ġenerali lejn il-membri tal-ġurija

people

Axelle Jean

Rappreżentanta ta’ 27 Times Cinema
Membru tal-Ġurija tal-Premju LUX fl-2025

Axelle Jean għandha lawrja fl-Istorja, il-Ġeografija u l-Komunikazzjoni Interkulturali mill-Università ta’ Sorbonne (Pariġi), b’interess partikolari fil-lingwa Iżlandiża u dik Ungeriża. Hija kisbet esperjenza vasta mill-festivals u s-swieq li ħadmet fihom (Cannes Docs - Marché du Film, Cinéma du réel, Festival de Cabourg, FIPADOC) kif ukoll mill-kumpaniji tal-bejgħ tal-films (The Party, Picture Tree International). Il-qasam ewlieni ta’ interess tagħha huwa d-dokumentarji u ilha tagħmilha ta’ membru tal-ġurija fil-Festival Ċinematografiku Internazzjonali ta’ Reykjavik sa mill-2022 u fil-Giornate degli Autori sa mill-2024. Fl-2023, intgħażlet bħala l-Ambaxxatriċi Franċiża għall-proġett 27 Times Cinema u ilha minn dak iż-żmien tieħu sehem attiv fil-promozzjoni tal-Premju LUX tal-Udjenza. Dan l-aħħar ingħaqdet mal-kumpanija tal-bejgħ tad-dokumentarji Cinephil.

Mur lura għall-ħarsa ġenerali lejn il-membri tal-ġurija

people

Ondřej Kamenický

Direttur ta’ One World, il-Festival Films Dokumentarji Internazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem
Membru tal-Ġurija tal-Premju LUX fl-2024 u l-2025

Ondřej Kamenický huwa d-direttur ta’ One World, il-Festival Films Dokumentarji Internazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.  

One World huwa meqjus bħala l-akbar festival films dokumentarji dwar id-drittijiet tal-bniedem fid-dinja. Dan isir fi Praga u f’aktar minn 50 belt u raħal fiċ-Ċekja. Fil-festival jintwerew dokumentarji dwar id-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll dwar kwistjonijiet soċjali, politiċi, ambjentali u tal-media, u jinkludi sessjonijiet ta’ mistoqsija u tweġiba, dibattiti tal-panel, avvenimenti ta’ realtà virtwali, proġetti ta’ impatt soċjali, skrinjar għall-iskejjel u l-East Doc Platform għall-industrija tal-films. One World jiddistribwixxi films dokumentarji, jipprovdi għajnuna lil festivals ġodda (eż. fin-Nikaragwa, il-Costa Rica, Hong Kong), jiffoka fuq persuni b’diżabilità u jorganizza wkoll One World fi Brussell.

Mur lura għall-ħarsa ġenerali lejn il-membri tal-ġurija

people

Ibtisam Omer

Viċi President tal-Kummerċjalizzazzjoni ta’ MUBI
Membru tal-Ġurija tal-Premju LUX fl-2025

Oriġinarjament minn Stokkolma, l-Iżvezja, Ibtisam Omer hija maniġer eżekuttiv u edukatriċi għall-kreattività u l-kummerċjalizzazzjoni b’aktar minn 14-il sena ta’ esperjenza internazzjonali ta’ ħidma f’kumpaniji ewlenin fit-teknoloġija, il-moda u d-divertiment. Preċedentement ma’ Adidas, Google u Netflix, Ibtisam ħadmet ukoll bħala mexxejja tal-industrija u lettriċi fil-Creative Business School ta’ Hyper Island u hija wkoll fil-bord tal-pjattaforma tal-mużika Boiler Room.
Attwalment Ibtisam hija Viċi President għall-Kummerċjalizzazzjoni Globali ta’ MUBI u toqgħod Berlin.

Mur lura għall-ħarsa ġenerali lejn il-membri tal-ġurija

people

Katarzyna Orysiak-Marrison

Kap tal-Kummerċjalizzazzjoni f’Gutek Film
Membru tal-Ġurija tal-Premju LUX fl-2024 u l-2025

Katarzyna ilha taħdem ma’ Gutek Film mill-2013, u hija responsabbli għat-tfassil u s-sorveljanza tal-proċess kollu tal-varar tal-films kollha tal-kumpanija, mill-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-baġit sal-istrateġiji ġenerali tad-distribuzzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni u r-relazzjonijiet pubbliċi għal kull film varat. Hija kienet responsabbli għal aktar minn 100 kampanja ta’ suċċess għal films bħal “Parasite” ta’ Bong Joon-Ho, “The House That Jack Built” ta’ Lars von Trier, “Portrait of a Lady on Fire” ta’ Céline Sciamma, “Toni Erdmann” ta’ Maren Ade, “Drive My Car” ta’ Ryusuke Hamaguchi, “Parallel Mothers” ta’ Pedro Almodóvar, “C’mon C’mon” ta’ Mike Mills u “Triangle of Sadness” ta’ Ruben Östlund; fost ħafna oħrajn. Imwielda fl-1982, ilha taħdem fl-industrija tal-films għal 17-il sena, u bħalissa qed tispeċjalizza fl-istrateġija tal-kummerċjalizzazzjoni u tad-distribuzzjoni. Hija bdiet il-karriera tagħha fil-Festival Ċinematografiku ta’ Varsavja bħala l-Kap tas-Servizzi għall-Mistednin, u aktar tard bdiet tiffoka fuq id-distribuzzjoni teatrali f’Mañana, distributur ibbażat f’Varsavja li jispeċjalizza fil-films tal-Amerika Latina, tal-Asja u tal-Afrika. Hija kienet responsabbli għall-istrateġiji ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ bosta films ippremjati, minbarra l-programmazzjoni u l-produzzjoni ta’ firxa ta’ avvenimenti speċjalizzati: il-Ġimgħa taċ-Ċinema Spanjola, il-Festival Ċinematografiku Dinji Ale Kino u l-Festival Ċinematografiku tal-Amerika Latina. Fl-2022, Katarzyna pproduċiet festival ġdid għal Gutek Film, “Konfrontacje Filmowe” (“Konfrontazzjonijiet tal-Films”). L-għan ta’ dan il-festival kien li juri u jvara għażla esklużiva tal-aktar films interessanti mill-istaġun ta’ wara, li ntwerew f’24 ċinema arthouse mifruxa fi 18-il belt fil-Polonja. Katarzyna temmen bis-sħiħ fiċ-ċinema arthouse u ilha għal dawn l-aħħar ftit snin tfittex tfittex modi ġodda kif tippromwovi l-varar teatrali billi tgħaqqad metodi diġà ttestjati – kooperazzjoni ma’ ditti, istituzzjonijiet u individwi, u avvenimenti teatrali speċjali – b’approċċ modern, analitiku u bbażat fuq id-data.

Mur lura għall-ħarsa ġenerali lejn il-membri tal-ġurija

people

Claudia Tronnier

Direttriċi tal-Unità taċ-Ċinema f’ARTE
Membru tal-Ġurija tal-Premju LUX fl-2024 u l-2025

Claudia Tronnier studjat ir-reliġjon komparattiva, il-letteratura ġdida Ġermaniża, l-Indoloġija u x-xjenza tal-media f’Marburg/il-Ġermanja. Matul it-tmeninijiet hija kienet tikteb dwar il-films għal media differenti qabel ma bdiet taħdem għal rasha max-xandar pubbliku Second German Television (ZDF) f’Mainz fl-1990. Hemmhekk ingħaqdet mad-dipartiment tat-talent Das kleine Fernsehspiel bħala editriċi tal-ikkummissjonar għal films, dokumentarji u tipi differenti ta’ formati sperimentali. Fl-2008, inħatret Kap ta’ Das kleine Fernsehspiel. Matul iż-żmien tagħha f’ZDF, hija kkummissjonat għadd kbir ta’ koproduzzjonijiet nazzjonali u internazzjonali, fosthom diversi films ta’ produtturi ċinematografiċi Torok/Ġermaniżi u produtturi ċinematografiċi li għandhom l-għeruq tagħhom f’pajjiżi oħra. Hija stabbiliet programm biex tappoġġja lill-produtturi ċinematografiċi nisa u hija kofundatriċi ta’ premju għal diretturi nisa, SI STAR. Ilha mill-1 ta’ Jannar 2021 il-Kap taċ-Ċinema, tat-TV u tas-Serje f’Arte G.E.I.E. F’dan ir-rwol, hija wkoll membru tal-konferenza tal-programmazzjoni u hija responsabbli għall-koordinazzjoni, l-għażla u l-programmazzjoni tal-programmi fittizji kollha li jintwerew fuq Arte u Arte.tv

Mur lura għall-ħarsa ġenerali lejn il-membri tal-ġurija

people

Amitabh Vardhan

Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-grupp Cine Grand li jopera ċinemas fir-Rumanija u l-Bulgarija
Membru tal-Ġurija tal-Premju LUX fl-2024 u l-2025

Amitabh Vardhan għandu sfond professjonali varjat b’esperjenza mifruxa fuq diversi pajjiżi, fosthom l-Indja, l-Istati Uniti, il-Bulgarija, ir-Rumanija, is-Serbja, ir-Renju Unit u l-Maċedonja. Huwa għandu rekord b’saħħtu li jixpruna t-tkabbir tan-negozju permezz tal-innovazzjoni, l-espansjoni, u sħubijiet ġodda f’setturi bħad-Divertiment, il-Prodotti tal-Konsumatur, is-Servizzi, l-Ospitalità, u l-Proprjetà Immobbli. Huwa bena timijiet kbar u transfunzjonali u mexxiehom b’mod effettiv biex jinkisbu għanijiet organizzattivi, stabbilixxa alleanzi strateġiċi ma’ diversi partijiet ikkonċernati għall-benefiċċju reċiproku, u żviluppa strateġiji ta’ kummerċjalizzazzjoni effettivi li wasslu għal aktar viżibbiltà u tkabbir tad-ditta inkwistjoni. Amitabh ilu mill-2010 Direttur u Uffiċjal Kap Eżekuttiv ta’ Cine Grand DV, filwaqt li qabel, kienu ilu mill-2003 l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv ta’ PVR Cinemas (l-akbar katina taċ-ċinema fl-Indja).

Mur lura għall-ħarsa ġenerali lejn il-membri tal-ġurija

people

Maria Silvia Gatta

Il-Kummissjoni Ewropea, uffiċjal tal-politika għal Ewropa Kreattiva DĠ CNECT
Osservatur tal-Ġurija tal-Premju LUX mill-2021 sal-2025

Maria Silvia Gatta ngħaqdet mal-programm MEDIA tal-Kummissjoni Ewropea fl-2003, u ħadmet fuq l-evalwazzjoni tal-programm MEDIA+ u l-appoġġ għad-distribuzzjoni.

Wara li qattgħet perjodu barra mill-pajjiż, ilha mill-2019 tissorvelja l-implimentazzjoni tal-Programm MEDIA tal-Ewropa Kreattiva 2021–2027 u taħdem fuq il-politika Ewropea dwar il-wirt ċinematografiku.

Mur lura għall-ħarsa ġenerali lejn il-membri tal-ġurija

people

Fatima Djoumer

Uffiċjal Kap Eżekuttiv, Europa Cinemas
Osservatur tal-Ġurija tal-Premju LUX mill-2007 sal-2015 u mill-2021 sal-2025

Fatima Djoumer ingħaqdet mal-Europa Cinemas fl-1993 bħala Kap tar-Relazzjonijiet Internazzjonali u tal-Avvenimenti u organizzat konferenzi tan-network, programmi ta’ żvilupp tal-udjenza, u laboratorji tal-innovazzjoni. Hija ħadmet ukoll fuq l-iżvilupp tat-Tikketta Europa Cinemas. Europa Cinemas huwa network tas-swali taċ-ċinema li jappoġġja ċ-ċirkolazzjoni ta’ films Ewropej barra mill-pajjiż tal-oriġini tagħhom u jippromwovi attivitajiet ta’ żvilupp tal-udjenza, b’enfasi fuq iż-żieda tal-interess tal-udjenzi żgħażagħ fil-films Ewropej.

In-network għandu 1,216-il ċinema (bi 3,131 skrin) f’738 belt fi 43 pajjiż.

Mur lura għall-ħarsa ġenerali lejn il-membri tal-ġurija

people

Nuno Pimentel

Koordinatur tal-proġetti tal-Premju LUX tal-Udjenza
Osservatur tal-Ġurija tal-Premju LUX fl-2025

Nuno Pimentel, mill-Portugall, iggradwa fil-films mill-iskola tal-arti u wara mar joqgħod Antwerp biex jaħdem f’dipartiment tal-iżvilupp ta’ kumpanija tal-produzzjoni. Fir-Renju Unit studja l-kitba tal-iskripts fir-Royal Holloway, l-Università ta’ Londra. Fl-2016, ingħaqad mal-kumpanija tad-distribuzzjoni Portugiża Alambique, biex jikkoordina Cinema Bold, tikketta ta’ distribuzzjoni interna li tispeċjalizza fi strateġiji ta’ distribuzzjoni alternattivi għal films mhux konvenzjonali. Fl-2019, ipparteċipa fl-Akkademja tal-Industrija ta’ Locarno, u rċieva stedina oħra fl-2021, din id-darba biex jingħaqad fil-programm U30, bil-għan li titrawwem ġenerazzjoni ġdida ta’ professjonisti fl-industrija tal-films.

Attwalment qed jgħix f’Berlin, wara li mar joqgħod hemm fl-2020 biex jinkiteb fil-programm Next WAave tad-Dffb, li jiffoka fuq l-imħabba u l-apprezzament lejn iċ-ċinema tal-futur u fuq l-iżvilupp tas-swieq internazzjonali tal-films. Matul il-programm, taħt il-gwida tal-Viċi President tal-produzzjoni tal-MUBI Bobby Allen, huwa żviluppa Félicette Films, tikketta ta’ distribuzzjoni pan-Ewropea alternattiva bil-għan li tiġi rilaxxata firxa ta’ films magħżula b’mod maħsub li spiss jintesew – xogħlijiet artistiċi, kuraġġużi u li jiddefendu l-ġeneri li jistħoqqilhom rikonoxximent akbar.

Fl-2021, huwa ppreżenta b’suċċess il-proġett fil-Festival Ċinematografiku Internazzjonali ta’ Berlin u dak ta’ Cannes.

Proġetti preċedenti u li għadhom għaddejjin jinkludu wkoll kollaborazzjonijiet ma’ Wolf Kino f’Berlin, kif ukoll ma’ Rapid Eye Movies f’Cologne. Huwa jiddelitta wkoll fl-iskizzi u fil-produzzjoni ta’ films sperimentali.

Tista’ tikkomunika miegħu bil-Portugiż, bl-Ingliż, bl-Ispanjol u bi ftit Franċiż bażiku. Jittama li dalwaqt se jkun qed iżid il-Ġermaniż fir-repertorju lingwistiku tiegħu.

Mur lura għall-ħarsa ġenerali lejn il-membri tal-ġurija