Premju LUX tal-Udjenza

Għaliex il-Premju LUX tal-Udjenza?

"LUX – Il-Premju Ċinematografiku Ewropew tal-Udjenza (titlu qasir: Il-Premju LUX tal-Udjenza)" huwa organizzat mill-Parlament Ewropew u mill-European Film Academy, b’kollaborazzjoni ma’ Ewropea Kreattiva MEDIA u Europa Cinemas. Dan il-premju jenfasizza l-impenn tal-Parlament Ewropew lejn il-kultura u l-edukazzjoni, billi jipprovdi appoġġ liċ-ċinema Ewropew u jippromwovi d-diversità kulturali. 

Isem il-Premju ġej mill-kelma Latina lux, li tfisser dawl. Il-films nominati jqajmu kuxjenza dwar il-kwistjonijiet soċjali u politiċi attwali, u jinvolvu lill-udjenzi f’dibattiti dwar l-Ewropa b’mod li jqanqal il-ħsieb. Huma jirriflettu s-sbuħija u d-diversità taċ-ċinema Ewropew.

Din l-inizjattiva tagħti aktar viżibbiltà lill-films nominati u tgħinhom jegħlbu l-fruntieri u jilħqu udjenza usa’. Hija tippermetti lill-udjenzi minn madwar l-Unjoni Ewropea, u lil hinn minnha, jaraw films li kieku ma kinux jintwerew f’pajjiżhom.

L-udjenzi Ewropej jistgħu jirrelataw mal-films nominati tal-Premju LUX tal-Udjenza, li jispiraw dibattiti dwar il-valuri Ewropej.  Il-Premju jsaħħaħ ir-rabta bejn il-politika u n-nies billi jistieden lill-udjenzi Ewropej jipparteċipaw b’mod attiv fid-diskussjonijiet u jagħżlu r-rebbieħ billi jikklassifikaw wieħed jew aktar mill-films nominati. 

Kif jintgħażel ir-rebbieħ?

Il-ħames films nominati għall-ħames edizzjoni tal-Premju LUX tal-Udjenza ġew żvelati pubblikament fit-18 ta’ Settembru 2024 fil-Parlament Ewropew fil-preżenza ta’ Membri tal-Parlament Ewropew, udjenza, produtturi u professjonisti tal-films.

Kemm il-pubbliku kif ukoll il-Membri tal-Parlament Ewropew jistgħu jikklassifikaw il-films online. Il-film bl-ogħla punteġġ totali, ikklassifikat kemm mill-pubbliku kif ukoll mill-Membri tal-PE (il-piż tal-klassifikazzjoni huwa ugwali b’50% kull wieħed), se jirbaħ il-Premju LUX tal-Udjenza. Il-film rebbieħ se jitħabbar fiċ-Ċerimonja tal-Premju LUX tal-Udjenza, li se ssir fil-Parlament Ewropew f’April 2025 (id-data għadha trid tiġi kkonfermata). 

Il-Premju Ċinematografiku LUX (2007-2019) - X’kien il-Premju Ċinematografiku LUX?

Il-Premju Ċinematografiku LUX, stabbilit fl-2007, kien jingħata kull sena mill-Parlament Ewropew, sakemm l-istituzzjoni ngħaqdet mal-European Film Academy u introduċiet il-Premju LUX tal-Udjenza fl-2020. 

Fil-qafas tal-Premju Ċinematografiku LUX, tliet films magħżula mill-Ġurija ġew sottotitolati fl-24 lingwa tal-Unjoni Ewropea u ntwerew madwar l-Ewropa. Sal-2019, il-Membri tal-PE biss setgħu jivvutaw għall-films nominati, u hekk jiddeterminaw ir-rebbieħ.

Nistednuk tesplora l-ġabra ta’ films LUX